Mill-preżentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Schuman fid-9 ta’ Mejju 1950 ’l hawn, l-Unjoni Ewropea kibret biex saret simbolu ta’ saħħa u għaqda. Biex niċċelebraw dak kollu li ksibna f’dan iż-żmien, f’dan il-“Jum l-Ewropa”, il-Kummissjoni stiednet lill-pubbliku ġenerali biex iżur u jgawdi minn jum ta’ attivitajiet, tagħlim u divertiment għall-familja fil-qalba ta’ Brussell.
Il-Berlaymont – wieħed mill-aktar binjiet ikoniċi tal-Kummissjoni – fetaħ għall-pubbliku s-Sibt 4 ta’ Mejju mill-10:00 sas-18:00.
- X’sabu l-viżitaturi?
Fil-Berlaymont, il-pubbliku kien mistieden jesplora “villaġġi” differenti, l-istorja tal-UE, il-valuri tagħna, u l-kisbiet tal-Kummissjoni Ewropea. Però dan kien biss il-bidu, peress li l-Jum għall-Pubbliku kien ukoll opportunità biex jara xi jkun għaddej wara l-kwinti u kif flimkien qed nibnu UE b’saħħitha, diversa, demokratika u diġitali li tappoġġja lill-poplu tagħha, u li hi impenjata li tibni futur aktar ekoloġiku u ekonomija reżiljenti.
Kien hemm ħafna logħob u attivitajiet għall-etajiet kollha, prestazzjonijiet artistiċi u ikel differenti, kif ukoll opportunitajiet biex wieħed jiltaqa’ mal-membri tat-tim tagħna. Il-viżitaturi kienu mistiedna wkoll jagħtu titwila fil-kamra tal-laqgħat fit-13-il sular fejn il-President von der Leyen u l-Kulleġġ tal-Kummissarji jieħdu deċiżjonijiet għall-benefiċċju taċ-ċittadini. Minn hemm, setgħu jammiraw veduta mill-isbaħ tal-belt.
Iċ-ċittadini tal-UE li kienu qed iħejju biex jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin, sabu informazzjoni biex tgħinhom jagħmlu l-aħjar użu mill-vot tagħhom.
Xi viżitaturi ddedikaw ftit ħin biex iżuru ċ-ċentru tal-wirjiet Experience Europe. Il-wirja immersiva, adatta għall-familja kollha tibqa’ miftuħa s-sena kollha u hija bla ħlas. Din titfa’ dawl fuq l-istorja u l-valuri li sawru l-passat u l-preżent tal-UE, u jkomplu jsawru l-futur tagħha.
- Informazzjoni prattika
Ħinijiet tal-ftuħ: 10:00–18:00 (l-aħħar dħul fil-17:30)
Ċerimonja Uffiċjali tal-Inawgurazzjoni: 10:00–10:30
Divertiment (fuq barra): 10:30–18:30
Indirizz:
Berlaymont
Rue de la Loi 200
1000 - Bruxelles / BrusselIkklikkja hawn għad-direzzjonijiet
*Jekk jogħġbok innota li f’dan l-avveniment se jittieħdu ritratti u videos. Ir-ritratti u l-videos jistgħu jintużaw għal attivitajiet ta’ komunikazzjoni b’rabta mal-Jum għall-Pubbliku tal-UE. Għal aktar informazzjoni ara l-Istqarrija ta’ Privatezza.
* Il-parteċipanti għandhom ikunu konxji li ċerti oġġetti huma strettament ipprojbiti fil-binjiet u l-uffiċċji tal-Kummissjoni Ewropea. Biex jiġi żgurat Jum l-Ewropa sikur u pjaċevoli għal kulħadd, jekk jogħġbok imxi mal-linji gwida tas-sigurtà rilevanti kollha u ħu nota tal-lista ta’ oġġetti pprojbiti.
Skopri l-attivitajiet tagħna
Skopri 70 sena ta’ storja tal-UE u skopri kif it-tagħlimiet mill-passat qed isawru l-futur tagħna. Tgħallem dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet li tkun ċittadin tal-UE, skopri kif l-UE tgħin tipproteġi lin-nies, u kif il-vuċi tiegħek tista’ tagħmel differenza.
Agħti ħarsa wara l-kwinti u ara kif il-Kummissjoni qed tpoġġi l-prijoritajiet fil-prattika. Filwaqt li tieħu s-saħħa mid-diversità, esplora kif l-UE taħdem b’24 lingwa, u tgħallem dwar l-għodod u s-servizzi li jiżguraw li l-UE taħdem GĦALIK.
It-teknoloġija diġitali qed tbiddel il-mod kif in-nies jgħixu, jaħdmu u jagħmlu n-negozju. Idħol f’dan id-“Deċennju Diġitali” il-ġdid u aqra dwar kif l-UE tappoġġja innovazzjonijiet mill-aktar avvanzati, iżżomm id-dinja online tagħna sikura, u tgħin lin-nies u lin-negozji jibnu l-ħiliet ta’ għada.
L-għan tal-Patt Ekoloġiku tal-UE huwa li l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja. Esplora kif l-UE qed tgħin tipproteġi l-pjaneta u s-saħħa tagħna, tnaddaf l-enerġija tagħna, tibni sistemi tal-ikel sostenibbli, u tħeġġeġ lin-nies u lin-negozji jimxu lejn futur aktar nadif u aktar ekoloġiku.
Iċ-ċittadini u n-negozji tagħna jistgħu jirnexxu biss jekk l-ekonomija taħdem għalihom. Aħna u niċċelebraw 25 sena tal-Euro u 30 sena tas-Suq Uniku, skopri kif l-UE qed tibni ekonomija b’saħħitha, stabbli u li qed tikber li tiżgura l-ġustizzja u l-prosperità, u tgħin lin-nies u lin-negozji jisfruttaw il-potenzjal tagħhom.
Din hija l-opportunità tiegħek li tħares barra mill-UE u tikkunsidra postha fid-dinja. Skopri kif nissalvagwardjaw il-fruntieri tagħna, nipproteġu l-benesseri taċ-ċittadini tal-UE, u naqsmu l-valuri, l-assistenza u l-opportunitajiet li jsaħħu l-pożizzjoni tagħna bħala attur globali responsabbli.
Matul dawn l-aħħar sentejn, l-UE pprovdiet għajnuna umanitarja, finanzjarja u militari mingħajr preċedent lill-Ukrajna. Nistednuk titgħallem aktar dwar ir-rispons tagħna u kif l-UE qed tindirizza l-impatt tal-gwerra madwar id-dinja, tibni t-tħejjija għad-difiża u tappoġġja rispons ġust għall-kriminalità transfruntiera.
Il-“Kulleġġ tal-Kummissarji” jifforma korp ta’ tmexxija politika b’mandat għal perjodu ta’ 5 snin. Hu jiltaqa’ kull ġimgħa fit-13-il sular tal-Berlaymont. Din hija l-opportunità tiegħek li żżur il-kamra tal-laqgħat tagħhom!
Idħol fl-istudios televiżivi tagħna fejn tista’ tittestja l-iskrin aħdar tagħna u tieħu ritratt ta’ tifkira. Tista’ wkoll tiċċekkja l-faċilitajiet ta’ trażmissjoni bis-satellita tagħna u żżur mużew awdjoviżiv żgħir.